“A Love Story”

Il-vjagg ta’ elf mil jibda bl-ewwel pass, jgħidu ċ-Ċinizi.

Għadni niftakru qisu lbieraħ! 1964. Kont għadni m’għalaqtx is-sittax-il sena. Niftakarni tiela’ t-tarag tal-kunvent tagħna ta’ Santa Tereża, Bormla. Kont akkumpanjat minn missieri. Il-Majjistru tan-novizzi, Patri Adeodat, stedinni nbus is-salib li hemm qabel ma’ tidhol fin-novizzjat u biex inbus l-art malli dħalt.

Kien hemm it-tliet studenti fil-formazzjoni jistennewni; tajna t-tgħanniqa tal-paci lil xulxin.

Missieri mar lura d-dar. Kellu d-dmugħ f’għajnejh. Il-Majjistru ħadni fil-kappella tan-Novizzjat u hemmhekk qgħadna gharkupptejna quddiem Ġesù Sagramentat. Tbissimna lil xulxin. TlabtU biex jgħinni.

Mill-kappella, il-Majjistru wassalni għall-kamra tieghi. Sodda, mejda, siġġu, armadju u salib għeri – dak kollox. Dak kien biżżejjed. Aktar minn biżżejjed!

It-tieqa kienet tagħti ghall-Port il-Kbir. Kelli viżjoni miftuħa għad-dinja. Ħsibt kemm hemm nies li qed ibatu u qed jistennew kelma ta’ farag fil-ħajja tagħhom. Aktar tard tgħallimt li Ommna Santa Tereża kienet temmen li l-ħajja taghna ta’ patrijiet tiswa daqskemm ningħataw għall-oħrajn.

Hekk bdiet l-isbaħ avventura ta’ ħajti.

Għaddew aktar minn ħamsin sena minn dik il-ġurnata. Jimpressjonani kemm Alla għandu qalbu tajba u kemm iżomm kelmtu. Wegħedni l-ferħ u tahuli bl-abbundanza. Dejjem mexa mieghi b’ħafna sabar. Tani aħwa li ħabbewni. Tani kuraġġ meta kelli bżonn. Dewwaqni l-ħlewwa tieghu meta l-ħajja kienet qed tisqini l-morr. Dejjem agħmilli l-qalb. Qatt ma ħallieni waħdi.

Tassew ixxurtjat dak il-ġuvni li jħossu msejjaħ għall-ħajja Tereżjana.

 

 

(c) Fr. Pius Sammut, OCD. Permission is hereby granted for any non-commercial use, provided that the content is unaltered from its original state, if this copyright notice is included.